20.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fit-22 ta’ Novembru 2022 – S.R.G. Vs “Profi Credit Bulgaria” EOOD

(Kawża C-714/22)

(2023/C 63/25)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: S.R.G.

Konvenut:“Profi Credit Bulgaria” EOOD

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari, miftiehma fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi, bħalma huma t-tariffi li jippermettu d-differiment u t-tnaqqis tal-ħlasijiet, jikkostitwixxu parti mir-rata perċentwali annwali ta’ imposta tal-kreditu?

2)

L-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni żbaljata tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta f’kuntratt ta’ kreditu, konkluż bejn negozjant u konsumatur debitur, għandha titqies daqslikieku ma ġietx indikata r-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt ta’ kreditu u l-qorti nazzjonali għandha tapplika l-konsegwenzi previsti fid-dritt nazzjonali tagħha fil-każ li ma tkunx ġiet indikata r-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi?

3)

L-Artikolu [23] tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi, prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li twassal sabiex ikollu jitħallas lura l-kapital imsellef biss, hija sanzjoni proporzjonata f’dawk il-każijiet fejn il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi ma jkunx fih indikazzjoni preċiża tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta?

4)

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (2) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż marbuta ma’ sett ta’ servizzi anċillari, li jkunu previsti f’kuntratt addizzjonali għall-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi, li jkun ġie konkluż separatament minn u addizzjonalment għall-kuntratt prinċipali, għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt u għalhekk ma jkunux jistgħu jiġu suġġetti għal evalwazzjoni dwar in-natura inġusta?

5)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrat flimkien mal-punt 1(o) tal-Anness tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li hija inġusta klawżola, f’kuntratt dwar servizzi anċillari għall-kreditu għall-konsumaturi, li tipprevedi l-possibbiltà astratta għall-konsumatur li jiddiferixxi jew jibdel il-ħlasijiet, possibbiltà li għaliha jħallas imposta, u dan anki jekk ma jużax tali possibbiltà?

6)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali taqa’ fuq il-konsumatur fil-każ ta’: (1) sodisfazzjon parzjali ta’ pretensjoni li somma ma hijiex dovuta minħabba li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali […]; (2) impossibbiltà prattika jew diffikultà eċċessiva fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt tal-konsumaturi li jkunu jafu l-ammont preċiż tal-pretensjoni; (3) fil-każijiet kollha fejn ikun hemm klawżola inġusta, inkluż fil-każ li l-eżistenza tal-klawżola inġusta ma jkollhiex impatt dirett fuq l-ammont kollu tal-pretensjoni tal-kreditur, jew fuq parti minnu, jew fil-każ li ma jkollhiex rabta diretta mas-suġġett tat-tilwima?


(1)  ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.


  翻译: