25.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 252/101 |
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-5 ta' Mejju 2010
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew
(2010/504/UE)
IL-PARLAMENT EWROPEW,
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008 (1),
wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2008 – Volum I (C7-0179/2009) (2),
wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Ombudsman Ewropew għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2008,
wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati (3),
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (4),
wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0070/2010),
1. |
Japprova l-kwittanza għall-Ombudsman Ewropew fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu għas-sena finanzjarja 2008; |
2. |
Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t' hawn taħt; |
3. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L). |
Il-President
Jerzy BUZEK
Is-Segretarju Ġenerali
Klaus WELLE
(2) ĠU C 273, 13.11.2009, p. 1.
(3) ĠU C 269, 10.11.2009, p. 1.
(4) ĠU C 273, 13.11.2009, p. 122.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-5 ta’ Mejju 2010
li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew
IL-PARLAMENT EWROPEW,
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008 (1),
wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2008 – Volum I (C7-0179/2009) (2),
wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Ombudsman Ewropew għall-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2008,
wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati (3),
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (4),
wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0070/2010),
1. |
Jinnota li fl-2008 l-Ombudsman Ewropew (l-Ombudsman) kellu disponibbli approprijazzjonijiet ta’ impenn li jammontaw għal total ta’ 9 miljun EUR (2007: EUR 8.2 miljun), b’rata ta’ utilizzazzjoni ta’ 91,51 %, taħt il-medja tal-istituzzjonijiet l-oħrajn (95,67 %); |
2. |
Jirrimarka li l-Qorti tal-Awdituri indikat fir-Rapport Annwali tagħha li l-verifika ma rriżultat f’ebda osservazzjoni sinifikanti fir-rigward tal-Ombudsman; |
3. |
Jinnota x-xejra ta’ tkabbir persistenti matul il-perjodu mill-2003 sal-2008, li matulu l-approprjazzjonijiet għall-impenji rduppjaw minn EUR 4,4 miljun għal EUR 9 miljun, u n-numru ta’ postijiet żdiedu minn 31 għal 57 (b’ 6 postijiet aktar fl-2009), filwaqt li l-ilmenti żdiedu minn 2 436 għal 3 346 u l-każijiet ġodda ta’ stħarriġ li nbdew żdiedu minn 253 għal 293; jinnota li filwaqt li n-numru ta’ postijiet ma żdiedx fl-aħħar tliet snin finanzjarji, kienet ippjanata żieda għal 63 fl-2009; jinnota wkoll li bħalissa, wara r-ristrutturar intern tal-2008, 24 minn 57 post huma assenjati biex jiġu analizzati l-ilmenti u jitwettaq l-istħarriġ (Dipartiment Legali), u 31 huma assenjati għar-reġistrazzjoni, it-tqassim u s-segwitu tal-ilmenti, kif ukoll kwalunkwe ħidma oħra mhux direttament relatata mal-attività ewlenija (Dipartiment tal-Amministrazzjoni u l-Finanzi); |
4. |
Ifakkar li l-ftehim ta’ qafas ta’ kooperazzjoni li huwa validu għal perjodu mhux definit bejn l-Ombudsman u l-Parlament, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006, jistipula li l-Parlament jipprovdi ċerti servizzi amministrattivi, inklużi l-bini, l-IT, il-komunikazzjoni, il-konsulenza legali, is-servizzi mediċi, it-taħriġ, it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni; |
5. |
Jinnota l-oqsma ta’ prijorità identifikati mis-servizz ta’ Verifika Interna, b’mod partikolari l-verifika tal-proċess tal-akkwisti pubbliċi, inkluż is-segwitu għal azzjonijiet mhux kompluti, il-proċess biex jiġu vverifikati l-għotjiet, u t-tlestija u r-rappurtar rigward il-verifiki tal-2007; jilqa’ s-sejbiet, b’mod partikolari l-kumment li l-proċess ta’ akkwist kien tjieb b’mod konsiderevoli, u li żewġ azzjonijiet mhux konklużi mill-verifika tal-2005 kienu ttejbu, kif ukoll il-kumment li l-proċess biex jingħataw l-għotjiet jikkonforma mal-qafas regolatorju u mal-prinċipji tat-trasparenza u tal-ġestjoni finanzjarja tajba; |
6. |
Jinnota, madankollu, li l-verifika interna żvelat ukoll oqsma fejn jista’ jkun hemm aktar titjib, b’mod partikolari: id-dossiers tal-proċedura tal-akkwisti pubbliċi għandhom jinkludu informazzjoni aktar kompluta, tibdil fid-dati tal-kunsinna għandhom ikunu permessi biss f’każijiet ta’ eċċezzjoni, ippjanar aħjar tal-iskeda ta’ żmien tal-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti, u klawsoli inkonsistenti f’kuntratti għandhom jiġu korretti qabel ma ssir il-firma; jistenna li l-Ombudsman isegwi dawn il-kwistjonijiet u jirrapporta lill-Parlament fir-rapport tal-attività tiegħu; |
7. |
Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Ombudsman li jippubblika d-dikjarazzjoni annwali tal-interessi tal-Ombudsman u l-fatt li d-dikjarazzjoni hija ppubblikata fuq il-websajt tal-Ombudsman; |
8. |
Itenni t-talba tiegħu li l-Ombudsman għandu jinkludi fir-rapport tal-attività tiegħu kapitolu li fih jagħti rendikont dettaljat tas-segwitu li jkun ingħata matul is-sena lid-deċiżjonijiet preċedenti ta’ kwittanza tal-Parlament. |
(2) ĠU C 273, 13.11.2009, p. 1.
(3) ĠU C 269, 10.11.2009, p. 1.