Residenza permanenti għaċ-ċittadini tal-UE wara 5 snin

Residenza permanenti

Bħala ċittadin tal-UE, tikseb awtomatikament id-dritt ta’ residenza permanenti f’pajjiż ieħor tal-UE jekk tkun għext hemm legalment għal perjodu kontinwu ta’ 5 snin. Jekk tissodisfa dan ir-rekwiżit, tista’ tapplika għal dokument ta’ residenza permanenti, li jikkonferma d-dritt tiegħek li tgħix fil-pajjiż b’mod permanenti mingħajr ebda kundizzjoni.

Id-dokument ta’ residenza permanenti mhuwiex obbligatorju. Mhuwiex l-istess bħaċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, li huwa obbligatorju f’ħafna pajjiżi. Madankollu, id-dokument ta’ residenza permanenti jista’ jkun utli għall-formalitajiet amministrattivi eż. ma tibqax meħtieġ tagħti prova lill-awtoritajiet li għandek impjieg, riżorsi suffiċjenti, assigurazzjoni tas-saħħa, eċċ.

Kif tapplika għal dokument ta’ residenza permanenti

Biex iġġib dokument li jiċċertifika d-dritt tiegħek ta’ residenza permanenti, trid tippreżenta prova li ilek tgħix legalment fil-pajjiż għal 5 snin. Trid tibgħat diversi dokumenti ta’ prova mal-applikazzjoni tiegħek, skont is-sitwazzjoni tiegħek (impjegat, taħdem għal rasek, qed tfittex xogħol, pensjonant, student). Dan jista’ jinkludi

  • iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li rċevejt meta wasalt fil-pajjiż
  • prova li ilek tgħix hemmhekk, bħal kontijiet tas-servizzi u kuntratti tal-kera
  • provi oħra bħal riċevuti tal-paga, dikjarazzjonijiet bankarji, dikjarazzjonijiet tat-taxxa li jagħtu prova li kont qed taħdem, tistudja, taħdem għal rasek, li kont awtosuffiċjenti jew tfittex xogħol.

L-awtoritajiet għandhom joħorġu d-dokument ta’ residenza permanenti mill-iktar fis possibbli u ma jistgħux jitolbuk aktar milli jħallsu n-nies tal-post għall-karti tal-identità tagħhom. Jekk jitolbuk aktar, tista’ ċċempel lis-servizzi ta’ assistenza tagħna. Dan id-dokument jiġġedded awtomatikament mingħajr l-ebda kundizzjoni, għalkemm it-tul tal-validità tiegħu jista’ jvarja skont il-pajjiż. Sib aktar informazzjoni billi tikklikkja fuq il-pajjiż rilevanti hawn taħt.

Residenza permanenti qabel 5 snin

F’xi każijiet speċifiċi tista’ tapplika għal residenza permanenti qabel 5 snin. Iċċekkja jekk tikkwalifikax.

Kif tista’ titlef id-dritt ta’ residenza permanenti

Tista’ titlef id-dritt tiegħek għal residenza permanenti jekk tgħix barra l-pajjiż għal aktar minn sentejn konsekuttivi.

Residenza permanenti għall-membri tal-familja mill-UE

Japplikaw l-istess drittijiet għall-membri tal-familja tiegħek mill-UE. Huma intitolati wkoll għal dokument ta’ residenza permanenti fil-pajjiż fejn huma residenti miegħek legalment għal perjodu kontinwu ta’ 5 snin. Aqra aktar dwar id-dritt ta’ residenza fl-UE tal-membri tal-familja tiegħek u kif tikseb residenza permanenti għall-membri tal-familja tiegħek li mhumiex mill-UE.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 06/11/2024
Ikkondividi din il-paġna
  翻译: