Aqbeż għall-kontentut

Bardejov

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Bardejov
 Slovakkja
Amministrazzjoni
Stat sovranSlovakkja
Region of SlovakiaPrešov Region (en) Translate
District of SlovakiaBardejov District (en) Translate
Kap tal-Gvern Boris Hanuščak (en) Translate
Isem uffiċjali Bardejov
Ismijiet oriġinali Bardejov
Kodiċi postali 085 01
Ġeografija
Koordinati 49°17′42″N 21°16′33″E / 49.295°N 21.2758°E / 49.295; 21.2758Koordinati: 49°17′42″N 21°16′33″E / 49.295°N 21.2758°E / 49.295; 21.2758
Bardejov is located in Slovakia
Bardejov
Bardejov
Bardejov (Slovakia)
Superfiċjenti 72.39 kilometru kwadru
Għoli 323 m
Fruntieri ma' Zborov (en) Translate, Andrejová (en) Translate, Beloveža (en) Translate, Komárov (en) Translate, Lukavica (en) Translate, Kľušov (en) Translate, Richvald (en) Translate, Mokroluh (en) Translate, Zlaté (en) Translateu Stebník (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 30,267 abitanti (1 Jannar 2023)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1241 (Gregorian)
Kodiċi tat-telefon 054
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Calais, Mahilioŭ (mul) Translate, Ashtabula (en) Translate, Sremski Karlovci (en) Translate, Molde Municipality (en) Translate, Montemarciano (en) Translate, Česká Lípa (en) Translate, Gorlice (en) Translate, Jasło (en) Translate, Krynica-Zdrój (en) Translate, Mikulov (en) Translate, Přerov (en) Translate, Tiachiv (en) Translate, Zamośću Kaštela (en) Translate
bardejov.sk

Bardejov (bl-Ungeriż: Bártfa, bil-Ġermaniż: Bartfeld, bir-Russu: Бардеёв, bl-Ukren: Бардіїв) huwa raħal fil-Grigal tas-Slovakkja. Ir-raħal jinsab fir-reġjun ta’ Šariš fi pjanura fejn tfur ix-xmara Topľa, fl-għoljiet taż-żona muntanjuża ta’ Beskyd. Ir-raħal fih diversi monumenti kulturali fiċ-ċentru storiku Medjevali li hu kompletament intatt. Ir-raħal huwa mniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO[1] u attwalment fih popolazzjoni ta’ madwar 32,000 abitant.

Hemm żewġ teoriji dwar l-oriġini tal-isem. Skont teorija minnhom, isem ir-raħal ġej mill-kelma Ungeriża "bárd" li tfisser “mannara żgħira”, li kienet tindika ammont ta’ territorju forestali li seta’ jiġi maqtugħ minn raġel wieħed f’jum wieħed. Fl-isem tar-raħal bl-Ungeriż (Bártfa), is-suffiss "-fa", li jfisser “siġra” żdied iktar ’il quddiem, u nbidlet ukoll l-aħħar ittra ta’ "bárd" għal "bárt", biex titħaffef il-pronunzja.

It-teorija l-oħra ssostni li isem ir-raħal ġej minn isem proprju Kristjan, Barděj, Barduj (il-forom imqassra ta’ Bartolomew) biż-żieda tas-suffiss possessiv Slav komuni “-ov”. Din it-teorija hija appoġġata mill-ewwel forma rreġistrata tal-isem tar-raħal – Bardujef – fl-1241. It-teorija tal-isem proprju hija appoġġata wkoll mill-preżenza tas-suffiss ippreservat f’sorsi Pollakki jew Slovakki iktar ’il quddiem.[2]

It-territorju tar-raħal ta’ Bardejov kif inhu llum attira insedjaturi minn Żmien in-Neolitiċi. Madankollu, l-ewwel referenza bil-miktub għar-raħal tmur lura għas-snin 40 tas-seklu 13, meta patrijiet minn Bardejov ilmentaw lir-Re Béla IV tal-Ungerija li kien hemm ksur tal-fruntieri tar-raħal min-naħa ta’ Prešov. Dak iż-żmien, il-knisja importanti ta’ San Eġidju kienet diġà nbniet. Fis-seklu 14 ir-raħal ġie ffortifikat sew, ladarba kien sar ċentru ta’ kummerċ mal-Polonja. Iktar minn 50 xirka kienu jikkontrollaw l-ekonomija li kienet qed tiffjorixxi. Bardejov kiseb l-istatus ta’ raħal irjali fl-1376, u iktar ’il quddiem sar raħal irjali ħieles. L-aqwa perjodu tar-raħal intemm fis-seklu 16, meta bosta gwerer, pandemiji u diżastri oħra fnew il-pajjiż.[1]

Fil-bidu tal-ewwel kwart tas-seklu 18, is-sitwazzjoni bdiet titjieb. Numri kbar ta’ Slovakki u ta’ Lhud Ħasidiċi ġew f’Bardejov bi ħġarhom. Sal-aħħar tas-seklu, il-popolazzjoni tar-raħal kienet reġgħet laħqet il-livell tas-seklu 16. Id-djar tal-borgeżija reġgħu nbnew jew ġew immodifikati skont il-moda arkitettonika ta’ dak iż-żmien. Fis-subborgi tal-Majjistral tar-raħal żviluppa kwartier Lhudi b’sinagoga, biċċerija u banjijiet għar-riti reliġjużi. Barra minn hekk, inbnew knejjes u pontijiet ġodda wkoll.

Il-binja tal-muniċipju fil-qalba taċ-ċentru storiku ta’ Bardejov

Matul ir-Riformazzjoni, Michal Radašin inħatar bħala l-pastor tar-raħal.

Minkejja diversi nirien li ħakmu r-raħal fl-aħħar kwart tas-seklu 19, ir-raħal kompla jistagħna bis-saħħa ta’ proġetti kbar ta’ industrijalizzazzjoni fir-reġjun. Fl-1893, infetħet linja ferrovjarja li kienet tikkollega lil Prešov ma’ Bardejov. Madankollu, ir-raħal reġa’ qabad it-triq tan-niżla mill-ġdid wara l-istabbiliment tal-ewwel Repubblika Ċekoslovakka u sar reġjun agrikolu arretrat. It-Tieni Gwerra Dinjija wasslet biex is-sitwazzjoni ekonomika terġa’ tmur għall-agħar, għalkemm ir-raħal ħelisha ħafif mill-ibbumbardjar. Bardejov ittieħed mit-truppi Sovjetiċi tal-ewwel Armata tal-Gwardji fl-20 ta’ Jannar 1945.[3]

Fl-1950, Bardejov ġie ddikjarat ċentru storiku protett u beda jsir restawr estensiv tal-wirt kulturali tiegħu. Dawn l-isforzi wasslu biex Bardejov jirċievi l-Medalja tad-Deheb Ewropea mill-Bord Internazzjonali tal-Fiduċjarji f’Hamburg fl-1986 – l-ewwel raħal fiċ-Ċekoslovakkja li qatt irċieva dan il-premju.[3] Fl-20 ta’ Novembru 2000, Bardejov tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO għall-kundizzjoni tajba taċ-ċentru storiku u tas-subborgi Lhud tar-raħal. F’Novembru 2010, ir-raħal iċċelebra l-għaxar snin anniversarju minn meta tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Illum il-ġurnata Bardejov huwa magħruf l-iktar għall-pjazza prinċipali taċ-ċentru storiku awtentiku tiegħu, li bis-saħħa tar-restawr u tal-preservazzjoni estensivi tal-arkitettura Medjevali, Rinaxximentali u Gotika tiegħu r-raħal sar destinazzjoni turistika popolari. Ir-raħal isejjes l-iżvilupp ulterjuri tat-tradizzjonijiet kulturali tiegħu fuq il-wirt kulturali rikk tiegħu, u kull sena tiġi organizzata fiera kummerċjali u l-Logħob ta’ Roland (li jikkommemoraw l-imgħoddi Medjevali tar-raħal).[3]

Bħal ħafna rħula żgħar Ewropej, Bardejov kellu popolazzjoni qawwija ta’ Lhud qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Olokawst, kif ukoll popolazzjoni li titkellem bil-Ġermaniż li tkeċċiet wara l-1945, għalkemm kien għad baqa’ għadd żgħir ta’ ċittadini li jitkellmu bil-Ġermaniż.

F’Marzu 2006, il-Kumitat tal-Preservazzjoni tal-Lhud ta’ Bardejov ġie stabbilit bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ minn Emil Fish, li baqa’ ħaj mill-kamp ta’ konċentrament ta’ Bergen-Belsen li kien twieled f’Bardejov.[4] F’Lulju 2005, Emil Fish irritorna lejn Bardejov ma’ martu u ibnu għall-ewwel darba mill-1949. Ir-rispons tiegħu għat-telqa u d-dilapidazzjoni tas-sinagogi u taċ-ċimiterju Lhudi kienet wegħda li jerġa’ jirrestawrhom u jippreservahom. Il-kumitat huwa magħmul min-nies minn Bardejov li baqgħu ħajjin wara l-kampijiet tal-konċentrament, mid-dixxendenti u mill-ħbieb tagħhom, u minn oħrajn li juru interess fil-kommemorazzjoni tal-komunitajiet tal-Lhud li għebu fl-Ewropa tal-Lvant. Il-missjoni ddikjarata tal-kumitat illum il-ġurnata hu li: “jirrestawraw il-proprjetajiet Lhud ta’ Bardejov, is-Slovakkja”; “irawmu kuxjenza dwar l-importanza kulturali u storika tal-ħajja tal-Lhud f’Bardejov u fis-Slovakkja”; u “iżidu l-għarfien dwar l-antenati Lhud u l-wirt tagħhom”.[4]

Attrazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-pjazza ċentrali ta’ Bardejov mill-kampnar tal-bażilika

F’Bardejov, il-Knisja monumentali ta’ San Eġidju tiddomina r-raħal, u tissemma għall-ewwel darba fl-1247. Fl-1464 tlestiet bażilika bi tliet navati u diversi kappelli. Il-knisja fiha ħdax-il artal Gotiku prezzjuż b’panewijiet bil-pitturi. Il-pjazza ċentrali (bis-Slovakk: Radničné námestie), li kienet tintuża għas-suq Medjevali tar-raħal, hija mdawra bi djar Gotiċi u Rinaxximentali tal-borgeżija li baqgħu ppreservati tajjeb ħafna u bil-bażilika.[5]

Waħda mill-iktar binjiet interessanti hija l-binja tal-muniċipju, li nbniet fl-1505. Il-parti t’isfel inbniet bi stil Gotiku, filwaqt li l-parti ta’ fuq inbniet bi stil Rinaxximentali. Din il-binja kienet is-sede tal-kunsill lokali tar-raħal u kienet ukoll iċ-ċentru tal-ħajja ekonomika, soċjali u kulturali tar-raħal. Fl-1903, il-binja tal-muniċipju ġiet adattata u saret tintuża bħala l-Mużew tal-Kontea ta’ Šariš (Sárosi múzeum), wieħed mill-eqdem u l-ikbar mużewijiet fis-Slovakkja.[5]

Is-sistema tal-fortifikazzjonijiet u s-swar tar-raħal imorru lura għas-sekli 14 u 15 u huma elenkati fil-Fond Ewropew għall-Wirt Kulturali bħala wħud mill-iktar fortifikazzjonijiet Medjevali elaborati u ppreservati tajjeb fis-Slovakkja.

Xi 2.5 kilometri fit-Tramuntana ta’ Bardejov hemm il-kwartier tal-ispa ta’ Bardejovské Kúpele. Jingħad li l-fawwara tal-ilma minerali terapewtiku huma ta’ benefiċċju għan-nies bi problemi onkoloġiċi, fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm, u fl-apparat diġestiv. Jospita wkoll mużew tal-arkitettura folkloristika fil-beraħ (skansen). L-ispa laqa’ għadd ta’ dinjitarji, fosthom Marie Louise, id-Dukessa ta’ Parma (il-mara ta’ Napuljun Bonaparte), il-Kżar Alessandru I tar-Russja u l-Imperatriċi Eliżabetta tal-Awstrija/tal-Ungerija.[6]

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-plakka tal-UNESCO f’Bardejov

Ir-raħal kollu ta’ Bardejov ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000 bit-titlu ta’ “Riżerva ta’ Konservazzjoni tar-Raħal ta’ Bardejov.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]

L-ilma minerali terapewtiku mill-fawwara tal-kwartier ta’ Bardejovské Kúpele

Ir-raħal huwa magħmul mill-kwartieri li ġejjin:

  1. Bardejov
  2. Bardejovská Nová Ves
  3. Bardejovská Zábava
  4. Bardejovské Kúpele (spa lokali)[6]
  5. Dlhá Lúka (anness fl-1971)
  6. Mihaľov

Bardejov għandu popolazzjoni ta’ 33,020 ruħ (sal-31 ta’ Diċembru 2010). Skont iċ-ċensiment tal-2001, 91.3 % tal-abitanti kienu Slovakki, 2.6 % kienu Rumeni, 2.5 % kienu Russi, u 1.4 % kienu Ukreni. It-taħlita reliġjuża kienet kif ġej: 63.2 % kienu Kattoliċi Rumani, 16.9 % kienu Kattoliċi Griegi, 7.6 % kienu Luterani u 4.3 % kienu Ortodossi tal-Lvant.[7]

Skont iċ-ċensiment tal-1910, ir-raħal kellu 2,571 abitant Slovakk, 2,179 abitant Ungeriż u 1,617 abitant Ġermaniż.

Il-Lhud għexu fir-raħal għal madwar 300 sena. Fis-snin 20 tas-seklu 20, il-Lhud kienu jirrappreżentaw 34 % tal-popolazzjoni totali ta’ Bardejov. Fl-1942, meta s-Slovakkja kienet taħt l-influwenza tal-Ġermanja Nażista, iktar minn 3,000 Lhud minn Bardejov ġew deportati lejn il-kampijiet tal-konċentrament, fejn il-biċċa l-kbira nqatlu. Bardejov issa huwa “raħal mingħajr Lhud”.[8] Fil-Grigal tar-raħal kien hemm insedjament b’maġġoranza Ungeriża sa żmien il-gwerer Ottomani qrib il-fruntiera mal-Polonja.

Nies notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Kéler Béla (1820-1882) – kompożitur Ungeriż magħruf l-iktar għal Erinnerung an Bartfeld csárdás
  • Radoslav Rochallyi (twieled 1980) – kittieb
  • Jack Garfein (trabba f’Bardejov fis-snin 30 u fil-bidu tas-snin 40 tas-seklu 20) – direttur tal-films
Il-fdalijiet tas-swar u tal-fortifikazzjonijiet tar-raħal

Bardejov huwa ġemellat ma’:[9][10]

  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Bardejov Town Conservation Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-08.
  2. ^ Štefánik, Martin; Lukačka, Ján, eds. (2010). Lexikón stredovekých miest na Slovensku [Lexicon of Medieval Towns in Slovakia] (bis-Slovakk u bl-Ingliż). Bratislava: Historický ústav SAV. pp. 79, 97. ISBN 978-80-89396-11-5.
  3. ^ a b ċ "Restoration - Bardejov Jewish Preservation Committee" (bl-Ingliż). 2021-02-24. Miġbur 2021-05-08.
  4. ^ a b "Who We Are - Bardejov Jewish Preservation Committee" (bl-Ingliż). 2021-02-23. Miġbur 2021-05-08.
  5. ^ a b Między Gorlicami a Bardejowem. Bardejov: Hercule Society, Society for Development of Higher Šariš, Adrian Ondoš. 2003. p. 48. ISBN 80-969004-1-2.
  6. ^ a b "Spa of Bardejov - Slovakia.travel". slovakia.travel. Miġbur 2021-05-08.
  7. ^ ""Municipal Statistics". Statistical Office of the Slovak Republic". web.archive.org. 2007-04-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-11-16. Miġbur 2021-05-08.
  8. ^ "Bardejov Jewish History" (bl-Ingliż). 2021-02-24. Miġbur 2021-05-08.
  9. ^ "Mesto Bardejov - Partnerské mestá". www.bardejov.sk. Miġbur 2021-05-08.
  10. ^ "Partnerské mestá Bardejova a COVID-19 – iBardejov.sk" (bl-Islovakk). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-17. Miġbur 2021-05-08.
  翻译: