TDIs, trade defence instruments (strumenti għad-difiża tal-kummerċ), anti-dumping u anti-sussidju
Gwida għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju
Väljaande metaandmed
Seħħew ħafna bidliet fid-dinja tan-negozju matul l-aħħar 10 snin, bidliet li jaffettwaw l-atturi kollha fis-suq, iżda ħafna drabi b’modi differenti ħafna. Bosta prodotti m’għadhomx prodotti f’pajjiż wieħed iżda huma “magħmula fid-dinja”. Il-komponenti u l-prodotti nofshom lesti huma nnegozjati u mibgħuta mad-dinja kollha sabiex jiġu finalment immuntati xi mkien ieħor. Filwaqt li din l-ekonomija globalizzata toffri bosta opportunitajiet għan-negozji, toħloq ukoll bosta sfidi. In-negozji tat-tipi u d-daqsijiet kollha jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet tas-suq f’pajjiżi mad-dinja kollha, iżda jistgħu jkunu esposti wkoll għal kompetizzjoni minn pajjiżi mbiegħda, li huwa raġonevoli u leġittimu. Il-kompetizzjoni globali mhix dejjem ġusta, madankollu, u l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE ġeneralment ma tapplikax lil hinn mill-fruntieri tal-UE. F’każijiet ta’ kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi li mhumiex fl-UE, il-produtturi fl-UE jistgħu jikkunsidraw il-preżentazzjoni ta’ lment ta’ difiża tal-kummerċ mal-Kummissjoni Ewropea sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni, sakemm il-kompetizzjoni inġusta toħloq diffikultajiet għan-negozju tagħhom. L-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ (TDIs) huma parti mill-qafas ġuridiku tar-regoli tal-kummerċ globali stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f’Ġinevra. L-importaturi u l-utenti ta’ prodott li huwa soġġett għal investigazzjoni ta’ difiża tal-kummerċ jistgħu jkunu jridu jafu x’inhuma l-għażliet tagħhom, u jekk u kif jikkooperaw bl-aħjar mod f’investigazzjoni. Din il-gwida tagħtik l-għarfien bażiku meħtieġ tat-TDI u tistabbilixxi l-passi prattiċi li tista’ tkun trid tieħu. Hija speċifikament immirata lejn negozji żgħar u ta’ daqs medju (imsejħa wkoll intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jew SMEs).