Roaming: L-użu ta’ mobile fl-UE

Meta tivvjaġġa barra pajjiżek lejn pajjiż ieħor tal-UE, ma għandekx tħallas spejjeż addizzjonali biex tuża l-mobile tiegħek. Dan hu magħruf bħala “roaming” jew “uża r-roaming daqslikieku f’pajjiżek”. It-telefonati tiegħek (għall-mobiles u t-telefowns fissi), il-messaġġi testwali (SMSs) u l-użu tad-data (ibbrawżjar fuq il-web, streaming tal-mużika u tal-video eċċ.) jiġu ċċarġjati b’rati domestiċi, jiġifieri l-istess prezz bħal telefonati, messaġġi testwali u data f’pajjiżek.

L-istess regola tapplika wkoll għal kwalunkwe telefonata jew sms li tirċievi meta tkun barra pajjiżek - m’intix qed tħallas aktar biex tirċievi telefonati jew SMSs waqt ir-roaming, anki jekk il-persuna li qed iċċempillek qed tuża provveditur tas-servizz differenti.

Storja bħala eżempju

Ebda ħlas ieħor talli ċċempel jew tirċievi telefonati waqt ir-roaming

Michael jgħix l-Irlanda u għandu kuntratt ma’ operatur tal-mobile Irlandiż fejn iħallas €0.10 kull minuta għal telefonati u €0.05 għal messaġġi testwali fl-Irlanda. Meta jmur fuq vjaġġ ta’ negozju lejn Spanja, Michael ma għandux għalfejn jinkwieta dwar il-ħlas żejjed għal kwalunkwe telefonata lil numri tal-UE li jagħmel jew li jirċievi.

Dawk li jċemplu mill-Irlanda se jkunu ċċarġjati r-rata domestika normali meta jċemplu lil Michael. Jekk hu jċempel numru lokali Spanjol, lill-familja tiegħu fl-Irlanda jew lejn kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE, iħallas prezzijiet domestiċi interni Irlandiżi - €0.10 il-minuta - għal dawn it-telefonati. L-SMSs tiegħu fi Spanja, l-Irlanda jew kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE se jiswew €0.05 - daqslikieku f’pajjiżu.

Ir-roaming, x'inhu?

Ir-roaming iseħħ meta tuża l-mobile tiegħek b’mod okkażjonali meta tivvjaġġa barra l-pajjiż li tgħix fih jew li fih għandek rabtiet stabbli eż. taħdem jew tistudja fih. Għalhekk, sakemm int tgħaddi aktar ħin f'’pajjiżek milli barra minnu, jew tuża l-mobile tiegħek aktar f’pajjiżek milli barra minnu, titqies li qed tuża r-roaming. Għalhekk se jkollok tħallas il-prezzijiet domestiċi għat-telefonati, l-użu tal-SMSs u tad-data tiegħek fl-UE. Dan hu kkunsidrat bħala “użu ġust tas-servizzi tar-roaming".

Kull meta taqsam fruntiera fl-UE, għandek tirċievi sms mill-operatur tal-mobile tiegħek li jinfurmak li inti qed tuża r-roaming u li jfakkrek dwar il-politika ta’ użu ġust tiegħu.

Twissija

Jekk tuża l-mobile tiegħek barra minn pajjiżek b’mod permanenti, pereżempju jekk tmur tgħix barra minn pajjiżek u tkompli tuża s-sim card minn pajjiżek, l-operatur tal-mobile tiegħek jista’ jġiegħlek tħallas aktar għar-roaming. Madankollu, dawn it-tariffi huma limitati skont il-politika tal-użu ġust.

Politika ta’ użu ġust - L-użu tiegħi tad-data hu limitat?

L-operaturi tal-mobile jistgħu japplikaw il-"politika ta’ użu ġust" biex jiżguraw li l-klijenti kollha tar-roaming ikollhom l-aċċess u l-benefiċċju tar-regoli "uża r-roaming daqslikieku f'pajjiżek" (jiġifieri servizzi tar-roaming bi prezzijiet domestiċi) meta jivvjaġġaw fl-UE. Dan ifisser li l-operatur tal-mobile tiegħek jista’ japplika mekkaniżmi ta’ kontroll ġusti, raġonevoli u proporzjonati biex jiġi evitat li l-klijenti jabbużaw mir-regoli.

Meta tkun qed tuża r-roaming, m'hemm ebda restrizzjoni ta’ volum fuq it-telefonati u l-SMSs tiegħek. Kull telefonata jew sms mhux inkluż fil-kuntratt tiegħek jitħallas bl-istess rata li tħallas f’pajjiżek. Madankollu, jeżistu regoli u limiti dwar kemm data jkollok tħallas għaliha bil-prezz domestiku. Dawn il-limiti jiddependu fuq it-tip ta’ kuntratt li għandek.

F’xi każijiet speċifiċi (ara hawn taħt), jista’ jkollok tħallas ħlas supplimentari għar-roaming tad-data li jkun daqs il-limitu massimu tad-data bl-ingrossa fl-UE kollha. Dan l-ammont massimu hu ta’ €2 / GB ta’ data fl-2022 + VAT u se jonqos maż-żmien. Mill-2027 ’il quddiem se jkun limitat għal €1 / GB + VAT.

Għandi kard imħallsa minn qabel

Jekk għandek kard imħallsa minn qabel (jiġifieri tħallas bil-quddiem biex tuża l-mobile) tista' tuża t-telefown tiegħek f’pajjiżi oħrajn tal-UE mingħajr ma tħallas aktar. Madankollu, jekk tħallas għal kull unità u l-prezz domestiku tal-unità tiegħek għad-data hu anqas minn €2 għal kull GB l-operatur tal-mobile tiegħek jista’ japplika limitu tad-data waqt li tkun qed tuża r-roaming.

Jekk l-operatur tal-mobile tiegħek japplika limitu ta’ volum tad-data, dan għandu tal-anqas ikun il-volum miksub billi jiġi diviż il-bqija tal-kreditu tal-kard tiegħek b’€2 malli taqbad tuża s-servizzi tar-roaming tad-data. Għandek tirċievi l-istess volum ta’ roaming tad-data li ħallast għalih minn qabel. Tista’ naturalment tagħmel top-up tal-kreditu tiegħek waqt li tkun qed tivvjaġġa.

Storja bħala eżempju

Ir-roaming b’kard imħallsa minn qabel: limiti tad-data

Jana tgħix is-Slovakkja u għandha kard imħallsa minn qabel bi kreditu ta' €15-il (inkluża l-VAT) għall-mobile tagħha, li jkopri telefonati, messaġġi testwali u s-servizzi tad-data. Hi sejra fuq btala fi Spanja, u fadlilha €12 (eskluża l-VAT) fuq il-kard. Dan ifisser li waqt il-btala tagħha fi Spanja Jana jista’ jkollha volum ta’ data ugwali għall-valur ta’ kreditu li fadal fuq kard. Għandha mill-anqas 6 GB ta’ roaming ta’ data (€12/€ 2 = 6).

Il-kuntratt tiegħi jinkludi data limitata

Jekk għandek kuntratt tal-mobile b’ammont limitat ta’ data, tista’ tuża dan l-ammont meta tivvjaġġa fl-UE mingħajr ma tħallas aktar. L-ammont tad-data fil-kuntratt tiegħek hu l-limitu tiegħek meta tuża r-roaming.

Madankollu, jekk għandek prezz ta’ unità tad-data tal-mobile irħis ħafna fil-kuntratt tiegħek (anqas minn €1 / GB fl-2022 u li jonqos maż-żmien), l-operatur tiegħek jista’ japplika limitu tad-data ta’ “użu ġust” meta tkun qed tuża r-roaming. Dan il-limitu jista’ jkun anqas mill-ammont tad-data domestika.

Il-limitu hu bbażat fuq il-prezz tal-kuntratt tal-mobile domestiku tiegħek. L-operatur tiegħek għandu jgħidlek minn qabel dwar dan il-limitu u għandu jgħarrfek meta tilħqu. Tista’ tkompli r-roaming tad-data ladarba tilħaq il-limitu tiegħek, iżda l-operatur tiegħek jiċċarġjak żejjed. Madankollu, dan il-ħlas addizzjonali jkun limitat għal massimu tad-data bl-ingrossa (€2 / GB + il-VAT fl-2022).

Il-kuntratt tiegħi jinkludi data bla limitu

Jekk għandek kuntratt tal-mobile fejn tħallas tariffa fissa fix-xahar u hu jinkludi bundle ta' servizzi b'data bla limitu, l-operatur tiegħek irid jipprovdik b'volum kbir ta’ data roaming. L-ammont preċiż jiddependi minn kemm tħallas għall-kuntratt tal-mobile tiegħek. Madankollu, il-volum tad-data għandu jkun tal-anqas darbtejn l-ammont miksub billi jiġi diviż il-prezz tal-kuntratt tal-mobile tiegħek (eskluża l-VAT) bil-limitu tal-massimu tad-data bl-ingrossa (€2 + VAT fl-2022).

L-operatur tiegħek għandu jgħidlek kemm hemm data fl-ammont tar-roaming tiegħek. Jekk taqbeż l-ammont tiegħek waqt li tkun qed tuża r-roaming, tiġi ċċarġjat aktar. Madankollu, dan il-ħlas addizzjonali jkun limitat għal massimu tad-data bl-ingrossa (€2 / GB + il-VAT fl-2022).

Storja bħala eżempju

Kuntratt b’data bla limitu - ammont ta’ roaming

Paulina fil-Lussemburgu tħallas €40 (eskluża l-VAT) għal kuntratt tal-mobile tagħha, li jinkludi telefonati bla limitu, SMSs u data. Meta tuża l-mobile tagħha waqt btala fl-Italja, hi għandha telefonati u SMSs bla limitu u mill-anqas 40 GB ta’ data (2 x (€40 / €2) = 40).

Kuntratti oħra

L-operaturi jistgħu wkoll joffru kuntratti mingħajr servizzi tar-roaming jew kuntratti tar-roaming alternattivi mfassla b’mod speċifiku b’tariffi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-UE, pereżempju jekk tuża r-roaming barra l-UE. Madankollu, trid tagħżel b’mod speċifiku dawn it-tipi ta’ opzjonijiet inti stess.

Monitoraġġ tal-użu tar-roaming

Bħala parti mill-politika ta' użu ġust, l-operatur għandu jissorvelja u jiċċekkja l-użu tar-roaming tiegħek fuq medda ta' 4 xhur. Jekk f'dan il-perjodu, tkun qattajt aktar żmien barra milli f'pajjiżek U l-użu tar-roaming tiegħek jaqbeż l-użu domestiku, l-operatur jista' jikkuntattjak u jistaqsik tispjega s-sitwazzjoni tiegħek. Ikollok 14-il jum biex tagħmel dan.

Jekk tkompli tqatta' aktar żmien barra milli f'pajjiżek u l-konsum tar-roaming tiegħek ikompli jaqbeż l-użu domestiku, l-operatur jista' jibda jżid ħlas addizzjonali għall-użu tar-roaming tiegħek. Il-ħlasijiet addizzjonali (eskluża l-VAT) għandhom limiti massimi ta’:

  • €0.022 għal kull minuta ta’ telefonata li ssir
  • €0.004 għal kull messaġġ testwali
  • €2 għal kull GB ta’ data (limitu massimu fl-2022, li maż-żmien jonqos għal €1 / GB, li se jkun il-ħlas addizzjonali massimu mill-2027 ’il quddiem)

Ir-roaming għall-ħaddiema transfruntieri

Jekk taħdem f’pajjiż tal-UE u tgħix f’ieħor differenti, tista’ tagħżel operatur tal-mobile fit-tnejn li huma u tuża r-roaming billi tuża SIM card kemm mill-pajjiż fejn tgħix jew inkella mill-pajjiż fejn taħdem. Il-politika tal-użu ġust tapplika: dment li tikkonnettja għall-anqas darba kuljum man-network tal-operatur domestiku tiegħek, dan jgħodd bħala jum ta’ preżenza fil-pajjiż li fih għandek il-kuntratt (anke jekk toħroġ barra pajjiżek mill-ġdid f’dak il-jum stess).

Nista’ nuża r-roaming filwaqt li nivvjaġġa bil-vapur jew bl-ajruplan?

Iva, iżda oqgħod attent. M’għandekx tħallas aktar biex tuża l-mobile tiegħek meta tivvjaġġa bil-vapur jew bl-ajruplan, sakemm tkun konness ma’ network mobbli terrestri (ibbażat fuq l-art), eż. f’port, fuq xmara, fl-ajruport. Iżda jekk is-servizzi tal-mobile jiġu pprovduti permezz ta’ sistemi satellitari, ir-regoli tal-UE ma jibqgħux japplikaw u jkollok tħallas għal servizzi tar-roaming mhux regolati (ebda limitu fuq il-prezzijiet). Biex tevita spejjeż żejda, iddiżattiva r-roaming fuq l-apparat tiegħek jew attiva l-modalità tat-titjira waqt li tkun abbord.

Roaming barra l-UE

Ir-Reġim tar-Roaming Daqslikieku f’Pajjiżek huwa disponibbli wkoll fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea: L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja. Il-pajjiżi barra mill-UE/miż-ŻEE ma humiex koperti mir-Roaming Daqslikieku f’Pajjiżek, iżda ħafna operaturi jagħżlu li jestendu dawn l-offerti għal pajjiżi barra mill-UE/miż-ŻEE wkoll.

L-ispiża tar-roaming (b’mod partikulari r-roaming tad-data) barra mill-UE/miż-ŻEE tista’ tkun għalja. Biex tevita kontijiet għaljin, iċċekkja l-ispiża tar-roaming barra mill-UE /miż-ŻEEmal-provveditur tiegħek qabel ma tivvjaġġa.

Jekk xi ħaġa tmur ħażin - id-drittijiet tiegħek bħala konsumatur

Jekk taħseb li l-provveditur tas-servizz tiegħek ma rrispettax id-drittijiet tiegħek, għandek tikkuntattja lill-operatur tiegħek u tuża l-proċedura tal-ilment fis-seħħ.

Jekk ma tkunx sodisfatt bir-risposta tista' tikkuntattja l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali Iftaħ bħala link estern rilevanti f'pajjiżek, normalment ir-regolatur nazzjonali tat-telekomunikazzjoni, li jittratta l-każ tiegħek.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 20/11/2023
Ikkondividi din il-paġna
  翻译: